Il-KPT fil-qosor

 

Prevenzjoni kontra t-trattament ħażin ta’ persuni li tkun itteħditilhom il-libertà tagħhom fl-Ewropa

Il-KPT jorganizza żjarat f’postijiet ta’ detenzjoni sabiex jevalwa kif ikunu qegħdin jiġu ttrattati persuni li tkun itteħditilhom il-libertà tagħhom.  Fost dawn il-postijiet insibu ħabsijiet, ċentri ta’ detenzjoni għall-minorenni, għases tal-pulizija, ċentri fejn jinżammu l-immigranti irregolari, sptarijiet psikjatriċi, djar fejn tingħata għajnuna soċjali, eċċ.

Id-delegazzjoniet tal-KPT ikollhom aċċess sħiħ għall-postijiet ta’ detenzjoni, u għandhom id-dritt li jduru ġewwa dawn il-postijiet mingħajr ebda restrizzjoni.  Dawn jistgħu jintervistaw fil-privat persuni li tkun itteħditilhom il-libertà tagħhom, u jitħallew jitkellmu bla xkiel ma’ kull min jista’ jgħaddilhom xi informazzjoni.

Wara kull żjara, il-KPT jibgħat rapport iddettaljat lill-Istat ikkonċernat.  Dan ir-rapport jiġbor fih is-sejbiet tal-KPT, u r-rakkomandazzjonijiet, il-kummenti u t-talbiet għall-informazzjoni li jsiru minnu.  Il-KPT jitlob ukoll tweġiba ddettaljata għall-kwistjonijiet imqajma fir-rapport tiegħu.  Dawn ir-rapporti u t-tweġibiet jiffurmaw parti minn djalogu kontinwu mal-Istati kkonċernati.

L-isem sħiħ tal-KPT huwa l-“Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Inumani jew Degradanti”.  L-isem joħroġ fih żewġ fatturi importanti: I-ewwel nett, li il-KPT huwa Ewropej, u t-tieni nett, li mhux biss it-“tortura” taqa’ taħtu, iżda wkoll firxa sħiħa ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala “trattament jew pieni inumani jew degradanti”.  

 

"Il-KPT fil-qosor"

 

 

Sistema ta’ żjarat

Iż-żjarat isiru minn delegazzjonijiet, normalment magħmula minn bosta membri tal-KPT, akkumpanjati minn membri tal-istaff tas-Segretarjat tal-Kumitat u, jekk ikun hemm bżonn, minn esperti oħra u minn interpreti.

Id-delegazzjonijiet tal-KPT jagħmlu żjarat kull tant żmien (is-soltu jsiru darba kull erba’ snin), iżda jsiru żjarat oħra “ad hoc” meta jkun hemm il-ħtieġa.

Il-Kumitat għandu javża lill-Istat ikkonċernat bl-intenzjoni li ssir żjara mill-Kumitat. Wara l-avviż, id-delegazzjoni tal-KPT tista’ tmur fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż f’kull post fejn ikunu qegħdin jinżammu persuni li tkun itteħditilhom il-libertà tagħhom.

Kooperazzjoni u kunfidenzjalità

Il-prinċipji tal-kooperazzjoni u tal-kunfidenzjalità huma inkorporati fil-Konvenzjoni internazzjonali li tistabilixxi l-KPT.

  • Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tinsab fil-qalba tal-ħidma tal-KPT, minħabba illi l-għan hu li jiġu mħarsa persuni li tkun itteħditilhom il-libertà tagħhom aktar milli li jiġu kkundannati Stati fuq abbużi mwettqa.
  • Il-kunfidenzjalità hija karatteristika oħra tal-ħidma tal-KPT: is-sejbiet tal-Kumitat, ir-rapporti tiegħu u t-tweġibiet mill-gvernijiet huma, fil-prinċipju, kunfidenzjali.  Minkejja dan, bosta mit-tagħrif dwar il-ħidma tal-KPT huwa miftuħ għall-aċċess mill-pubbliku. 

Pubblikazzjonijiet

  • L-Istat innifsu jista’ jitlob illi r-rapport tal-KPT jiġi ppubblikat, flimkien mat-tweġiba mogħtija minnu.  S’issa, il-parti l-kbira mill-Istati għażlu li jippubblikaw dawn id-dokumenti.
  • Jekk xi Stat ma jikkooperax jew ma jkunx irid ibiddel is-sitwazzjoni għall-aħjar fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-KPT, il-Kumitat jista’ jagħżel li joħroġ stqarrija pubblika.
  • Barra minn dan, il-KPT ifassal rapport ġenerali dwar l-attivitajiet tiegħu, li jiġi ppubblikat darba fis-sena.

Kif inhu msawwar il-KPT

  • Il-membri tal-KPT huma esperti indipendenti u imparzjali attivi f’ oqsma differenti, bħal avukati, tobba, u speċjalisti f’aspetti marbuta mas-sistema penitenzjarja jew mal-pulizija.
  • Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jaħtar b’vot membru għal kull Stat Kontraenti. Il-membri kollha jservu fil-kapacità individwali tagħhom (jiġifieri, dawn ma jirrappreżentawx lill-Istat li jkunu ġew eletti għalih). Sabiex tiġi garantita l-indipendenza, il-membri ma jżurux lill-Istat illi jkunu ġew eletti għalih.
  • Is-Segretarjat tal-KPT jifforma parti mil-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Ħsieb wara l-KPT

  • Il-KPT twaqqaf taħt il-“Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Inumani jew Degradanti” tal-Kunsill tal-Ewropa, li daħlet fis-seħħ fl-1989.
  • Din tibni fuq Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid illi “ħadd ma għandu jiġi ssuġġettat għat-tortura jew għal xi trattament jew pieni inumani jew degradanti”.
  • Il-KPT mhuwiex xi korp investigattiv, iżda qiegħed hemm biex joffri mekkaniżmu mhux ġudizzjarju ta’ prevenzjoni sabiex iħares persuni li tkun itteħditilhom il-libertà tagħhom mit-tortura u għamliet oħra ta’ moħqrija. Għalhekk huwa joffri aspett ieħor li jgħaqqad mal-ħidma ġudizzjarja tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Ratifikazzjonijiet

  • Il-Konvenzjoni ġiet irratifikata mis-47 Stati membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa.
  • Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’ jistieden kwalunkwe Stat mhux membru tal-Organizzazzjoni sabiex jissieħeb fil-Konvenzjoni.